(for english version click here)

Il-Ħamrun

Il-Ħamrun huwa subborg li jinsab madwar 2.25Km ’il bogħod mill-belt kapitali ta’ Malta, Valletta. Il-motto tiegħu huwa ‘Propera Augesco’ li tfisser dlonk nikber, li jixhed kemm il-Ħamrun kiber maż-żmien u illum huwa wiehed mill-akbar irħula ta’ Malta. Skond iċ-ċensiment ta’ l-2005 il-popolazzjoni tal-Ħamrun tgħodd id-9,513.
Casale San Giuseppe huwa l-isem li bih kien magħruf il-Ħamrun fl-oriġini tiegħu. Fil-fatt fis-seklu 19, kemm f’dan ir-raħal kif ukoll f’Malta kollha, San Ġużepp kien igawdi devozzjoni kbira. L-isem ta’ San Ġużepp baqa’ marbut mal-Ħamrun, fil-fatt it-triq prinċipali iġġib l-isem ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp.
Fl-1888 l-isem inbidel għal dak kif nafuh illum. Għalkemm mhux magħruf b’ċertezza minn fejn ġie l-isem Ħamrun, jeżistu verżjonijiet differenti. Ewlenin fost dawn hemm li l-isem ġie mill- ħamrija ħamra li dan ir-raħal kien magħruf għaliha, jew inkella mil-laqam ta’ familja li kienet popolari ħafna f’dawk iż-żmenijiet. Fil-fatt il-laqam ta’ din il-familja kien ‘tal-Ħamruna’.
In-nies tal-Ħamrun jissejħu Ħamruniżi u huma mlaqqma bħala ‘tas-sikkina’. Il-Ħamruniżi huma magħrufin ħafna għall-briju li jafu joħolqu f’kull okkażjoni li tkun tant għall-qalbhom. Dan il-briju joħroġ l-aktar waqt il-festa ta’ San Gejtanu li ssir f’Awissu, festa popolari ħafna f’Malta.
Fil-Ħamrun insibu għadd kbir ta’ knejjes u kappelli. Madankollu l-knisja prinċipali hija dik iddedikata lil San Gejtanu, patrun tal-Ħamrun u qaddis tal-provvidenza. Teżisti wkoll il-knisja ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni li hija wkoll parroċċa.
Il-faċilitajiet sportivi fil-Ħamrun ma jonqsux, speċjalment fejn jidħol il-futbol. Fil-fatt fil-Ħamrun insibu wieħed mill-ftit grawnds b’ħaxix naturali li hawn ġo Malta; il-Victor Tedesco Stadium. F’dan il-grawnd jintlgħabu xi logħbiet tal-kampjonat premier. Meta wieħed isemmi dan il-grawnd, ma jistgħax ma jsemmix lil-Ħamrun Spartans F.C. il-klabb tal-futbol tal-Ħamrun. L-ispartans għandhom storja glorjuża fil-futbol malti fejn huma r-rebbieħa ta’ 7 kampjonati premier u għadd ta’ trofej oħra .
Illum il-Ħamrun barra li huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu post residenzjali, huwa wkoll wieħed mill-akbar ċentri kummerċjali ta’ Malta. Ftit huma l-irħula f’Malta li jistgħu jiftaħru bi triq wiesgħa u twila bhalma għandu l-Ħamrun. Barra minn hekk dan is-subborg jiġbor fih għadd kbir ta’ skejjel li jagħmluh l-akbar ċentru edukattiv f’Malta.
Il-Ħamrun huwa rinomat ħafna għall-attività li wieħed isib fih. Minn filgħodu sa fil-għaxija huwa mimli b’nies jippassiġġaw, jixtru u jiddevertu. Dan jagħmel mill-Ħamrun post ħaj u enerġetiku u huwa f’dawn l-affarijiet li joħroġ is-sabiħ tiegħu.
|